Il-Magħmudija u l-Mixja Spiritwali
Agħfas Play biex tibda. Jekk jogħġbok uża headphones fejn possibbli, jew żomm il-volum baxx.
L-awdjo ma jibdiex waħdu; agħfas Play.
Test tar-riflessjoni
Fil-fidi Nisranija, il-mixja spiritwali tibda bis-sagrament tal-magħmudija u għalhekk, il-funtana li tinsab fil-bidu tal-passaġġ tissimbolizza l-magħmudija tagħna, il-bidu tal-mixja tagħna bħala Nsara.
Waqt li nkunu qed infittxu t-tifsira ta’ ħajjitna, bl-avventuri u l-isfidi differenti li ħafna drabi toffri l-ħajja, nistgħu nsibu ruħna f’diffikultajiet, naljenaw ruħna jew nispiċċaw f’ċirkostanzi oħra li jtellfulna l-attenzjoni mit-triq tal-ħajja, li hija Kristu. Din hija l-interpretazzjoni tal-bankijiet imqiegħda f’għamla ta’ labirint f’nofs il-mogħdija ewlenija.
Qrib il-bankijiet fil-forma ta’ labirint hemm tliet spazji żgħar u magħluqa. Dawn jistgħu jintużaw għall-konsulenza, għall-qrar u għall-meditazzjoni. Dawn huma spazji magħluqa li jirrappreżentaw mumenti meta forsi nixtiequ nfittxu xi gwida tul il-mixja ta’ ħajjitna. Jirrappreżentaw ukoll is-sagrament tal-qrar, li huwa għajnuna qawwija fil-mixja spiritwali tagħna.
Iż-żewġ imwejjed tal-konkrit imdawrin b’bankijiet jistgħu jiġu interpretati bħala l-mejda Ewkaristika, l-artal. L-Ewkaristija hija l-ikbar għajnuna li Alla jagħtina fil-mixja spiritwali tagħna.
Jekk tħares lejn il-funtana min-naħa taċ-ċentru tal-konferenzi, tista’ tinnota li tinsab eżatt fin-nofs ta’ żewġ settijiet ta’ turġien bojod. Jagħtu l-impressjoni li wieħed jista’ jinżel fl-ilma tal-battisteru minn naħa u joħroġ min-naħa l-oħra, bħallikieku dan il-moviment qed jirrappreżenta l-proċess tal-magħmudija, li permezz tiegħu dnubietna tneħħew għalkollox.