Is-Salib u l-Kappella
Agħfas Play biex tibda. Jekk jogħġbok uża headphones fejn possibbli, jew żomm il-volum baxx.
L-awdjo ma jibdiex waħdu; agħfas Play.
Test tar-riflessjoni
Waqt li tkun miexi lejn it-tarf tal-passaġġ – ’il bogħod mill-funtana iżda eqreb lejn iż-żona tal-kmamar tal-laqgħat – tista’ tara salib bi sfond aħmar, iżda mingħajr il-ġisem ta’ Kristu. Dan jidher biss meta tersaq lejh jew meta jirnexxielek tarah minn bejn l-istrutturi li jkun hemm fi triqtek; dan jissimbolizza t-tfittxija tagħna għal Alla matul il-mixja spiritwali tagħna.
Is-salib jinsab qrib ħafna ta’ kappella żgħira. Meta tiftaħ il-bieb tal-kappella tara salib ieħor imnaqqax fil-ħajt; minn ġo fih tidher skultura ta’ Kristu Rxoxt. Waqt li tħares lejn l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt minn ġos-salib tiftakar fil-mogħdija ta’ Kristu mill-Passjoni għall-Mewt u l-Qawmien. Din hija wkoll il-mixja tagħna: ngħixu u ngħaddu minn żminijiet diffiċli u ta’ prova, iżda għandna tama qawwija li niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt fil-ġenna.
L-iskultura ta’ Kristu Rxoxt hija xogħol l-artist lokali John Grima u ġiet riprodotta fil-bronż.