Waqfa 5 minn 10

Kristu Rxoxt

Agħfas Play biex tibda. Jekk jogħġbok uża headphones fejn possibbli, jew żomm il-volum baxx.

Gwida awdjo

L-awdjo ma jibdiex waħdu; agħfas Play.

Test tar-riflessjoni

L-iskultura artistika ta’ Kristu Rxoxt għandha l-qawwa li terfgħek lejn dak li hu traxxendentali. Il-wiċċ serju, iżda teneru ta’ Kristu, il-ħarsa tiegħu fissa lejn il-Missier – konkret daqskemm hu astratt – huwa stedina għal kull min jikkontemplah biex jidħol fil-misteru l-kbir tal-immortalità. Hekk kif isserraħ ħarstek fuq il-figura ta’ Ġesù, int tħoss qawwa kbira ħierġa minnu, dik l-istess qawwa li ħarġet mill-kustat minfud tiegħu, fejn minn qalbu tnisslet il-Knisja. B’idejh merfugħa ’l fuq, Ġesù jurik l-imħabba kbira tiegħu li ssalvana, donnu qed iwassal lill-Missier, din id-dinja, issa mifdija u msoffija bl-att tal-ubbidjenza. Is-saqajn imtawla tal-persuna tiegħu jikkomunikaw sens ta’ ħeffa u leġġerezza ta’ min il-qawwiet u l-limitazzjonijiet tal-fiżika umana m’għadhomx jaħkmu fuqu.

Il-forma ċirkolari madwar ix-xbieha ta’ Kristu Rxoxt tirrappreżenta l-qabar miftuħ, u għalhekk it-trijonf ta’ Kristu fuq il-mewt.

Huwa evidenti ħafna li wieħed ma jistax iħares lejn l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt mingħajr ma jħares mis-salib. Kristu ġie glorifikat biss wara li għadda mit-tbatija u mill-mewt. Aħna, bħala dixxipli tiegħu, imsejħin biex naċċettaw ir-realtà li ma nistgħux nesperjenzaw il-qawmien mingħajr ma l-ewwel ngħaddu mit-tbatija, minn mumenti ta’ prova u wkoll mill-mewt.

Kif qal darba Ġesù: Il-qaddej mhuwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll (Ġw 15,20). Madankollu, permezz tal-virtù Nisranija tat-tama, aħna nipperseveraw fil-fidi tagħna u nħarsu ’l quddiem biex niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt.

Kemm hi sabiħa l-viżjoni ta’ San Ġorġ Preca dwar il-bniedem li jsib il-mistrieħ f’Alla, il-Ħallieq tiegħu. Bħalma l-ħuta tgħix fl-ilma, hekk aħna ngħixu f’Alla; kull fejn immorru aħna mdawrin b’Alla; aħna kontinwament fil-preżenza ta’ Alla. Bħalma l-ħuta ma tistax tgħix mingħajr ilma, ma jistax ikollna ħajja mingħajr Alla.

U dan huwa l-ħsieb ewlieni fl-arkitettura tal-kappella li tinsab fl-ispazju vojt ta’ taħt is-sala tal-konferenzi. Imdawwar b’kanali ta’ ilma safi, bi spazji vojta minquxin fil-ħajt ta’ quddiemek, tiġi mistieden sabiex, bħal Marija – li kienet taħseb u żżomm f’qalbha kull esperjenza li tgħaddi minnha – tiskot, taħseb, tiddixxerni, titlob u fuq kollox tiggosta l-preżenza t’Alla fil-kwiet u s-serenità ta’ dan l-ispazju. Żgur li f’dan il-proċess ħarstek tmur lil hinn mill-post fejn int u tintrefa’ lejn il-figura ta’ Kristu Rxoxt.